12/08/2026
Milli jidher ittieħdet deċiżjoni politika li ġewwa s-Swieqi u l-inħawi tal-madwar jibdew jiġu skjerati suldati sabiex jgħinu fiż-żamma tal-ordni pubblika.
Ħafna laqgħu din l-aħbar b’sodisfazzjon u nifhem għalfejn kellha titieħed din id-deċiżjoni u x' wassal għal tali talba. Imma naħseb li qabel nifirħu għandna nieqfu ftit u nifhmu xi tfisser verament deċiżjoni bħal din.
Li jkollok suldati fit-toroq sabiex tinżamm l-ordni pubblika mhijiex xi ħaġa normali f’pajjiż demokratiku. Malta m’għandhiex korpi paramilitari bħall-Carabinieri fl-Italja jew il-Gendarmerie fi Franza. Għandna separazzjoni ċara bejn ir-rwol tal-Pulizija u dak tal-Forzi Armati, u għal raġuni tajba.
Il-Pulizija huma mħarrġa sabiex jaħdmu kuljum mal-popolazzjoni ċivili, jinfurzaw il-liġi, jipprevjenu r-reati u jżommu l-ordni pubblika. Is-suldat għandu taħriġ, funzjoni u mentalità operattiva differenti.
Għalhekk, jekk wasalna f’punt fejn jeħtieġ li ndaħħlu lis-suldati fit-toroq biex jagħmlu xogħol li normalment huwa tal-Pulizija, il-mistoqsija għandha tkun waħda serja ħafna:
X’wassalna s’hawn?
Li ser inniżlu l-armata fit-toroq tagħna ma jfissirx li saret xi rebħa għaż-żamma tal-ordni. Għall-kuntrarju, hija ammissjoni li l-problema tal-ordni pubblika kibret tant li l-istrutturi ordinarji tal-Istat m’għadhomx jitqiesu bħala biżżejjed sabiex ilaħħqu magħha.
U hemm mistoqsijiet oħra li rridu nagħmlu. X’se jkunu eżattament is-setgħat tas-suldati? Taħt liema qafas legali se jaġixxu? Min se jkun responsabbli mill-operat tagħhom? X’taħriġ għandhom sabiex jintervjenu f’sitwazzjonijiet ma’ ċittadini? X’inhuma r-regoli dwar l-użu tal-forza, it-tfittxija, iż-żamma ta’ persuni u l-arrest?
Dawn mhumiex dettalji. Dawn huma mistoqsijiet li jolqtu direttament id-drittijiet taċ-ċittadini u r-responsabbiltà tal-Istat.
Ilna ngħidu li rridu ninvestu bis-serjetà fil-Korp tal-Pulizija: aktar riżorsi, aktar preżenza fit-toroq, kundizzjonijiet aħjar u Korp b’saħħtu biżżejjed biex jagħmel xogħlu.
Jekk minflok wasalna biex nibagħtu lis-suldati jagħmlu xogħol ta’ ordni pubblika, xogħol il-puizija, allura m’għandniex għalfejn niċċelebraw.
Għandna għalfejn ninkwetaw dwar kif wasalna s’hawn.
F’demokrazija normali, is-suldat jiddefendi l-pajjiż.
Il-Pulizija jżommu l-ordni fost il-popolazzjoni ċivili.
Meta nibdew inħalltu dawn iż-żewġ rwoli, ikun wasal iż-żmien li nagħmlu mistoqsijiet serji ħafna.